L-UE u d-drittijiet tal-bniedem © EU
L-Unjoni Ewropea tħares lejn id-drittijiet tal-bniedem bħala universali u indiviżibbli. Hi tiddefendihom u ġġibhom 'il quddiem b'mod attiv kemm 'il ġewwa mill-fruntieri tagħha u kif ukoll fejn jidħlu r-relazzjonijiet tagħha ma' pajjiżi oħra li mhumiex fl-UE.
Id-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-istat tad-dritt huma valuri ewlenin tal-Unjoni Ewropea. Filwaqt li kienu integrati fit-trattat li bih twaqqfet l-UE, dawn ġew infurzati mill-ġdid meta l-UE adottat il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali fl-2000, u komplew jissaħħu meta l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali saret torbot legalment mad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona fl-2009.
Il-pajjiżi li jfittxu li jissieħbu fl-UE jridu jirrispettaw id-drittjiet tal-bniedem. U l-ftehimiet kollha dwar il-kummerċ u l-kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi fihom klawżola li tistipula li d-drittijiet tal-bniedem huma element essenzjali fir-relazzjonijiet bejn il-partijiet.
Il-politika tad-drittijiet tal-bniedem tal-Unjoni tiġbor fiha drittijiet ċivili, politiċi, ekonomiċi, soċjali u kulturali. Hija tfittex ukoll li ġġib 'il quddiem id-drittijiet tan-nisa, tat-tfal, ta' persuni li jinsabu f'minoranzi u tar-refuġjati.
B'baġit ta' €1.1 biljun bejn l-2007 u l-2013, l-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u għad-Drittijiet tal-Bniedem isostni l-organizzazzjonijiet mhux governattivi. B'mod partikolari jsostni lil dawk li jtejbu d-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-istat tad-dritt; ineħħi l-piena tal-mewt; jiġġieled it-tortura; u jiġġieled ir-razziżmu u forom oħra ta' diskriminazzjoni.